It-Tifel tan-Nanna
Mixja twila minn meta fil-Birgu bkejt l-ewwel bikja biex ftaħt il-pulmuni ħalli ngħarraf lil min kien jinteressah li kont wasalt jien, wara li l-lejl ta’ qabel ommi kienet kielet għal qalbha xi flieli tal-bettiegħ.
Kien żmien ieħor! Żmien tfuliti. Oooo, Żmien ħelu kif għaddejtli! Żmien ta’ meta kont bla ħtija. Jew kważi. Żmien li kollox kien jew ġenna jew infern. Jew dnub jew indulġenzi. Żmien li mawra sal-Belt kienet kważi safra u kulħadd kien jistenna dik il-borża pastizzi ta’ Dimitri.
Żmien li l-port kien ikun mimli bil-vapuri tal-flotta. U l-inħawi tal-Kottonera bin-nies tas-Servizzi. Żmien meta t-Tarzna kien post ewlieni tax-xogħol u qliegħ. U għadd ta’ ħaddiema tħejjew għand tal-Freres.
Żmien ta’ xi tarbija sena wara oħra. U festi tal-Magħmudija.
Żmien li donnu mitt sena ilu u donnu l-bieraħ. Żmien li donnu ħrafa u donnu veru. Kienu żminijiet oħra. Ġentilment, qed nitolbok tiftakar jew taqsam miegħi dan iż-żmien.